Navigate Up
Sign In

Malta tintroduċi l-possibilità ta’ ‘X’ bħala identifikazzjoni tal-ġeneru fid-dokumenti uffiċjali

Reference Number: PR171985, Press Release Issue Date: Sep 05, 2017
 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI, ĊITTADINANZA U SIMPLIFIKAZZJONI TAL-PROĊESSI AMMINISTRATTIVI​

-

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli, ħabbru li pajjiżna issa qiegħed joffri l-possibilità li persuna tidentifika ruħha bil-marka ‘X’ meta mitluba għall-ġeneru fid-dokumenti uffiċjali, jiġifieri fuq il-karta t’identifikazzjoni u fuq il-passaport.

Dan il-pass favur aktar ugwaljanza u anqas diskriminazzjoni għamel lil pajjiżna it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jagħti l-possibilità tal-marka ‘X’.  B’hekk il-Maltin issoktaw ikunu fost l-iktar ċittadini fid-dinja li għandhom drittijiet u libertajiet ċivili.

Il-Ministru Helena Dalli ddeskriviet din il-bidla, li neħħiet l-obbligu li persuna tagħżel bilfors li tidentifika ruħha bħala raġel jew mara f’għajnejn l-istat, bħala “liċenzja biex kull individwu jkun dak li jħossu li hu”.

Din il-bidla kienet possibbli permezz tal-approvazzjoni tal-Kabinett tal-LGBTIQ Action Plan 2015.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli fissret dan il-jum bħala wieħed importanti li jassigura l-mixja li beda dan il-pajjiż fil-leġiżlatura li għaddiet.  Hija qalet li l-gvern qed jibgħat messaġġ ċar u kuraġġuż li pajjiżna qed iwettaq dak li ħafna pajjiżi oħra fl-Ewropa għadhom m’għamlux.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli rrikonoxxiet l-irwol tal-aġenzija Identity Malta f’dan il-proċess, li kellha taġġorna s-sistema teknoloġika u l-proċeduri amministrattivi tagħha sabiex din l-għażla tkun possibbli mingħajr ma s-sigurtà ta’ dawn id-dokumenti tiġi mittiefsa.

Farrugia Portelli spjegat li biex persuna tkun tista’ timmarka l-ittra ‘X’ minflok is-sess maskil jew femminil, kulma hemm bżonn hu dikjarazzjoni ġuramentata quddiem nutar.  Dan japplika kemm għal passaport, karta tal-identità, jew permess ta’ residenza.