Navigate Up
Sign In

“L-ugwaljanza hi ta’ kulħadd” – Il-Ministru Edward Zammit Lewis

Reference Number: PR191681, Press Release Issue Date: Jul 31, 2019
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

-

Waqt żjara lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni (HRID), il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis saħaq fuq il-prinċipju li l-ugwaljanza hi ta’ kulħadd.

Prinċipju rifless b’mod sħiħ fil-liġijiet avvanzati li għaddejna fl-aħħar snin u li poġġewna fuq il-mappa globali, u li issa rridu nimplimentaw b’mod effettiv fil-livelli kollha tas-soċjetà tagħna, żied il-Ministru Zammit Lewis.

F’dan l-ambitu semma l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza bħala żewġ miri importanti li se jixprunaw ħidma tal-ministeru kontra kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni u favur ugwaljanza għal kulħadd.

Il-Ministru temm billi rringrazzja lill-impjegati kollha tad-Direttorat imsemmi, li fi kliemu kienu u jibqgħu l-protagonisti fil-bidla li qed inwettqu f’pajjiżna. F’dan il-kuntest, tenna l-impenn tiegħu li jibni fuq it-tajjeb kollu li sar permezz tat-tisħiħ tar-riżorsi umani u s-sostenn fl-operat tal-funzjonijiet kollha li jaqdi l-HRID.