STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA
-
“Kommess li
nkompli nsaħħaħ id-Dipartiment tal-Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li huwa
ċentrali fit-tħejjija tal-politika tal-Gvern dwar l-istess Unjoni u lil’hinn”.
Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit
Lewis waqt żjara lid-Dipartiment imsemmi fejn iltaqa’ mal-uffiċjali kollha li
jaħdmu id f’id mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Lewis faħħar l-isforzi kollettivi tat-tim kollu fi ħdan
id-Dipartiment biex titħejja l-pożizzjoni ta’ Malta fi Brussell fid-diversi
laqgħat tekniċi li jsiru ta’ kuljum u biex fuq kollox, jitħares l-interess
nazzjonali.
B’referenza għal
Brexit, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu biex jgħolli l-livell
tal-preparamenti għal kull xenarju, u f’dan ir-rigward, irringrazzja lid-Dipartiment għall-kooperazzjoni sħiħa biex il-Gvern,
l-industriji, in-negozji żgħar u medji u ċittadini kollha jkunu mħejjija
bl-aqwa mod għal kull eventwalità.
Il-Ministru temm
billi ħeġġeġ l-uffiċjali kollha biex permezz ta’ dan id-Dipartiment, li ġie imsaħħaħ u elevat minn Segretarjat ,ikomplu jkunu protagonisti fis-suċċess ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.