STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA
-
Huwa bi pjaċir u
b’sens ta’ dover li qiegħed nipparteċipa f’din il-Pride March, l-ewwel waħda
minn mindu ħadt il-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Partikolarment
f’din is-sena meta il-moviment LGBTIQ qiegħed jiċċelebra il-50 anniversarju
mill-irvelli ta’ Stonewall fi New York, li ħafna jqisu bħala l-bidu ta’ din
il-mixja lejn l-ugwaljanza LGBTIQ, madwar id-dinja.
Nifhem li
l-Pride March mhijiex biss ċelebrazzjoni ta’ persuni LGBTIQ u l-inklużjoni u
l-aċċetazzjoni tagħhom fis-soċjetà, imma wkoll sejħa kontinwa għall-ugwaljanza
u għajta kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni li għal xi wħud għadhom
realtà, f’ċertu pajjiżi aktar minn oħrajn.
U għaldaqstant
huwa dover ta’ kull gvern, li jaħdem mas-soċjetà ċivili biex flimkien inrawmu
soċjetà aktar inklussiva, li tiċċelebra u tħaddan id-diversità fejn id-dinjità
ta’ kull bniedem tkun mħarsa.
U filwaqt li sar
ħafna progress f’pajjiżna, żgur li ma nistgħux ngħidu li wasalna u li m’għadx
hawn bżonn ta’ manifestazzjonijiet bħall-pride, għaliex il-liġijiet mhumiex
biżżejjed biex inbiddlu l-imħuħ u biex l-ugwaljanza LGBTIQ tinħass dejjem u
f’kull aspett tal-ħajja.

