STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA
-
Biex ir-riforma tar-Regolament ta’ Dublin
dwar l-immigrazzjoni tkun suċċess, jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn
ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u s-solidarjetà. Dan
bħala parti minn ftehim komprensiv li jkopri l-elementi l-oħra tal-pakkett
leġiżlattiv tar-riforma tas-sistema tal-ażil.
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej
u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis waqt il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar
l-Affarijiet Ġenerali fi Brussell. Kunsill li matulu l-Ministru saħaq fuq
il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu permanenti għar-rilokazzjoni tal-migranti, liema
mekkaniżmu jieħu post is-soluzzjonijiet ad hoc li mhumiex sostenibbli.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali
ddiskuta wkoll in-negozjati fuq il-baġit tal-UE għas-seba snin li ġejjin u
proposti biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li
jiddetermina l-baġit tal-UE għas-snin 2021-2027, Dr Zammit Lewis sostna
l-pożizzjoni ta’ Malta favur ftehim ġust li jirrispetta r-realtijiet
tal-pajjiżi kollha u li jikkonsolida l-progress soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.
Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni
Ewropea dwar is-saltna tad-dritt, il-Ministru Zammit Lewis qal li Malta tilqa’
dawn il-proposti speċjalment il-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni bejn l-Istati
Membri. Huwa żied li tali mekkaniżmu jista’ jikkontribwixxi għat-tkattir
tas-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt wissa li dan ikun
effettiv biss kemm-il darba l-proċess ikun wieħed imparzjali, oġġettiv, ibbażat
fuq l-evidenza u ma jiddiskriminax bejn pajjiż u ieħor.
Fi Brussell, Dr Zammit Lewis kellu wkoll
għadd ta’ laqgħat informali ma’ kollegi Ministri. Flimkien mas-Segretarju
Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, il-Ministru
ltaqa’ wkoll mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Baġit u r-Riżorsi Umani,
Gunther Oettinger, fejn ilkoll qablu fuq l-importanza li jinżammu l-iskadenzi
tan-negozjati dwar il-baġit li jmiss.
Aktar tard il-Ministru żar ir-Rappreżentanza
Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fejn ħeġġeġ lill-impjegati biex ikomplu
jħarsu l-interessi ta’ pajjiżna b’ħidma professjonali u b’mod dinjituż. Dan
fil-kuntest tal-isfidi li ġejjin, b’mod partikolari dawk marbuta mal-bidliet
fl-istituzzjonijiet Ewropej. F’dan ir-rigward Dr Zammit Lewis tenna l-impenn
tiegħu li jinvesti fit-tisħiħ ta’ Dar Malta biex ir-rappreżentanza tkun
f’pożizzjoni li ġġib l-aqwa riżultati waqt li tiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta
fl-istituzzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea.




