STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA-
F’sitwazzjoni
ta’ full employment u l-isfidi li din iġġib magħha, id-djalogu soċjali
jibqa’ ċentrali fit-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet li jħallu
impatt fuq is-suq tax-xogħol u allura l-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin
kollha.
Dan kien
il-qofol ta’ laqgħa li l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr
Edward Zammit Lewis kellu mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem.
Laqgħa li
matulha ġew diskussi temi kurrenti, partikolarment ir-riforma tal-Att dwar
ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, l-Abbozzi ta’ Liġijiet dwar
l-Ugwaljanza u l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u
l-Ugwaljanza, it-trasparenza fil-pagi, u s-sħubija fi trade unions jew
f’assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem.
Il-Ministru
Zammit Lewis fisser kif dawk li jħaddmu huma protagonisti fil-ħolqien tal-ġid
li jixpruna l-mobiltà u l-ġustizzja soċjali u l-gvern jibqa’ kommess li
jiddjaloga, jisma’ u jgħarbel qabel jiddeċiedi fl-interess tas-serenità
industrijali li tirrenja f’pajjiżna.
B’mod
partikolari fisser kif l-ugwaljanza hija priorità ewlenija tal-President-elett
tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola Von der Leyen, u għalhekk jeħtieġ li l-gvern u
l-imsieħba soċjali jibqgħu fi djalogu kostruttiv u kontinwu li jpoġġihom
fl-aqwa pożizzjoni biex jinfluenzaw id-deċiżjonijiet fi Brussell.
F’dan
ir-rigward, il-Ministru Zammit Lewis tenna l-impenn tiegħu li jkompli
jikkonsulta mal-partijiet kollha interessati fir-riformi prospettivi u
l-liġijiet li hemm quddiem il-Parlament, bl-istess mod li jibqa’ kommess biex
jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex niksbu ugwaljanza sħiħa u f’kull aspett.


