Navigate Up
Sign In

Restawr estensiv fil-Berġa ta’ Aragona jikxef forn uniku u fdalijiet storiċi oħra ta’ żmien il-Kavallieri

Reference Number: PR191964, Press Release Issue Date: Sep 20, 2019
 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

-

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis u ċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi żaru x-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa fis-sotterran tal-Berġa ta’ Aragona.

Waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ skavar, inkixef forn uniku ta’ żmien il-Kavallieri li kien ilu mirdum għal mijiet ta’ snin taħt wieħed mill-uffiċini. Mir-riċerka tal-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u tas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali, irriżulta li dan il-forn kien uniku għal pajjiżna u fost l-uniċi fid-dinja li għadu prattikament intatt u preservat fl-istat oriġinali tiegħu.

Hu maħsub li ladarba jitlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr dan il-wirt storiku jibqa’ mikxuf u aċċessibbli bħala attrazzjoni rikka oħra tal-Belt Kapitali.

Lil hinn minn dan kollu, permezz tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa qed jitneħħew strutturi relattivament moderni biex il-Berġa ta’ Aragona tingħata d-dehra oriġinali tagħha kif mibnija mill-Kavallieri. B’hekk il-Berġa ta’ Aragona se terġa’ tingħaqad mal-House of Catalunya permezz ta’ passaġġ li nkixef u nfetaħ mill-ġdid.

Dan kollu filwaqt li se tiżdied l-aċċessibbiltà permezz ta’ entratura fi Triq il-Punent, flimkien mal-faċilitajiet kollha meħtieġa biex il-Berġa ta’ Aragona tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis fisser kif il-Berġa ta’ Aragona, li kienet l-Uffiċċju tal-eks prim ministri George Borg Olivier u Dom Mintoff, tiġbor fiha wirt storiku u politiku uniku li għandu jiġi protett u minsuġ fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa żied li b’dawn ix-xogħlijiet, mhux biss qed nilħqu dan l-għan, iżda qed nassiguraw li l-Berġa ta’ Aragona, li llum tospita l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, tkun verament sit li jista’ jitgawda minn kulħadd u mingħajr ebda distinzjoni. Din ukoll hija kwistjoni ta’ ugwaljanza, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ madwar €1m mill-fond tal-ministeru, isegwi r-restawr tal-faċċati tal-Berġa ta’ Aragona, tal-House of Catalunya u tal-Pilar, li kien parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni taż-żona ta’ Marsamxett – proġett kofinanzjat minn fondi Ewropej b’total ta’ madwar €24m.