L-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-mod ta’ kif kull Stat Membru fl-Unjoni Ewropea għandu jimxi biex isegwi d-Direttiva 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.
Skont l-istess Direttiva, kull Stat Membru, inkluż Malta, għandhom japplikaw metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija, skont il-qafas ġenerali speċifikat fl-Anness I tal-istess Direttiva.
Permezz ta’ din il-metodoloġija, l-Istati Membri, kull wieħed indipendenti skont il-klima u l-bini ta’ dak il-pajjiż, għandhom jikkalkulaw il-livell ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-bini.
Dawn ir-rekwiżiti ġodda jfissru li l-konsumatur se jkollu inqas spejjeż meta jqis l-ispejjeż tal-bini kif ukoll l-ispejjeż għall-użu tiegħu għal perjodu ta’ 30 sena. Barra minn hekk, bini skont dawn ir-rekwiżiti ġodda jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil min jużah minħabba li jkun ta’ kwalità aħjar.
Dawn ir-rekwiżiti ġodda jgħinu wkoll biex jintużaw teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta’ sistemi u materjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid u dak li jkun rinovat, kif ukoll biex jikbru l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni relatati ma’ teknoloġija favur l-ambjent, inkluż dik ta’ enerġija rinovabbli.
Dawn id-dokumenti li qegħdin jiġu sottomessi għall-konsultazzjoni pubblika huma bbażati fuq dawn il-kalkoli.
Dokumenti:
Din il-konsultazzjoni pubblika għalqet il-Ħamis 13 t’Awwissu 2015. Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.epc.gov.mt filwaqt li min ikun jixtieq jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini jista’ jagħmel dan fuq in-numri tat-telephone 22927134 jew 22927634 jew jibgħat email fuq bro.mti@gov.mt.