1. Sfond
L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tiġbor informazzjoni u opinjonijiet biex tiggwida l-abbozzar ta’ Strateġija Nazzjonali għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għandu l-għan li jiġbor u jgħaqqad l-informazzjoni miġbura mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti abbażi tal-objettivi li ġejjin:
- Li jiġu rriveduti l-miżuri attwali għall-ħarsien tal-annimali bil-għan li jiġu identifikati l-aspetti pożittivi eżistenti u li jistgħu jkomplu jiġu żviluppati, kif ukoll aspetti li jeħtieġu titjib u li għandhom jiġu indirizzati.
- Biex jiġu kkonsultati l-attivisti, l-NGOs, il-kunsilli lokali, is-santwarji, ix-xelters u ċ-ċittadini bil-għan li jiġi esplorat kif dawn l-entitajiet jistgħu jiġu appoġġjati u jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi biex itejbu l-ħarsien tal-annimali.
- Li jiġu esplorati l-benefiċċji ta’ aktar għarfien u kampanji edukattivi bil-għan li jiġu żviluppati kampanji mmirati sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’diversi setturi.
- Li tiġi kkunsidrata l-estensjoni għal skop ta’ miżuri għall-ħarsien tal-annimali f’Malta li jħarsu lejn groomers, kennels, trainers, u professjonijiet oħra relatati, attivitajiet sportivi u proġetti pubbliċi sabiex jiġi analizzat jekk hemmx il-ħtieġa biex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni legali għal ċerti speċi ta’ annimali.
- Li jitħejja qafas strateġiku biex jgħin fl-għaqda ta' sħubija ma’ partijiet interessati, tittejjeb il-koordinazzjoni, titnaqqas id-duplikazzjoni tal-isforzi, u jiġi pprovdut approċċ nazzjonali aktar effettiv u konsistenti għat-titjib tal-ħarsien tal-annimali.
- Biex titkejjel ir-rieda taċ-ċittadini bħala konsumaturi sabiex joqogħdu attenti għall-prodotti magħmula permezz ta’ miżuri ta’ ħarsien aħjar u potenzjalment iħallsu aktar għal dawk il-prodotti.
- Li jiġi rrikonoxxut ir-rwol tal-produtturi primarji u ssir ħidma sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati fuqhom filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi u klimatiċi.
- Li l-istrateġija tiġi allinjata mal-ħidma li qed issir f’livell Ewropew fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija “Farm to Fork” u l-Istrateġija għall-Bijodiversità.
2. Mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni
- Taħseb li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali joffru biżżejjed salvagwardji biex tiġi żgurata l-protezzjoni u l-ħarsien tal-annimali? Liema bidliet istituzzjonali u leġiżlattivi tipprevedi u tantiċipa?
- Liema żviluppi ewlenin u kodiċi ta’ prattika li huma kruċjali għat-titjib tal-ħarsien tal-annimali tixtieq tara fis-seħħ fl-istruttura l-ġdida u/jew introdotti fl-operazzjonijiet attwali?
- Liema inizjattivi edukattivi speċifiċi fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali jeħtieġ li jiġu introdotti u liema miżuri jeħtieġ li jiġu msaħħa u sostnuti biex jiggarantixxu livell ogħla ta’ għarfien?
- X’għandu jkun ir-rwol ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u istituzzjonijiet ta’ riċerka jew edukattivi fil-qasam tal-protezzjoni u l-ħarsien tal-annimali fil-Gżejjer Maltin?
- Kif jistgħu l-produtturi primarji jiġu appoġġjati fi kwalunkwe sforz li jsir biex jiżdied il-ħarsien tal-annimali?
3. Dokumenti
4. Sottomissjonijiet
Individwi u
organizzazzjonijiet kienu mistiedna jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom
dwar dan l-objettiv propost bil-miktub permezz ta’ email: ahwdconsultations.mafa@gov.mt
Is-sottomissjonijiet waslu għand il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet
tal-Annimali sa mhux aktar tard mil-1 ta’ Lulju 2022.
Grazzi tal-interess u tas-sottomissjonijiet tiegħek.