Navigate Up
Sign In

Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss

KONSULTAZZJONI KONKLUŻA

Go to the English version

 
Mingħand: Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
(Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi)
​Ippubblikata: ​28 ta' Ottubru 2020
​Tagħlaq: ​26 ta' Novembru 2020
​Aġġornata: ​16 ta' Marzu 2021

Eżitu tal-Konsultazzjoni: Rapport Finali



KONSULTAZZJONI ORIĠINALI

1. Sfond
 
Bħala parti mid-diskors tal-Baġit 2020, il-Gvern ħabbar miżura ġdida relatata mal-problema tat-tniġġis ambjentali tal-plastik. Permezz ta’ din il-miżura, l-importazzjoni, il-produzzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (‘Single-Use Plastic’ jew ‘SUP’), bħal pożati, straws u platti, se jibdew jiġu projbiti f’Malta. B’mod aktar speċifiku, l-importazzjoni u l-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti se jkunu pprojbiti mill-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li l-bejgħ u distribuzzjoni tagħhom se jkunu projbit mill-1 ta’ Jannar 2022.

Fl-2019, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat id-Direttiva 2019/904, bil-għan li tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik, kif ukoll oġġetti oħra tal-plastik simili, fuq l-ambjent. Id-Direttiva tistabbilixxi numru ta' miżuri effettivi mmirati għall-imsemmija prodotti, fosthom dik li tirrestrinġi t-tqegħid ta’ dawn il- prodotti fuq is-suq.

L-abbozz tar-Regolamenti tal-2020 dwar restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti SUP jimplimentaw parti mill-miżura tal-Baġit imsemmija hawn fuq, kif ukoll Artikolu 5 u Artikolu 6 (1) u 6 (2) tad- Direttiva (UE) 2019/904.

Peress li dawn ir-regolamenti jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti SUP, dawn ser jiġu promulgati kemm taħt l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi (Kapitolu 117 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent (Kapitolu 549 tal-Liġijiet ta’ Malta), sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni u kollaborazzjoni konġunta fl-infurzar tar-regolamenti proposti mid-Dipartiment tad-Dwana kif ukoll mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Dawn ir-regolamenti jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta':
      • Mill-1 ta’ Jannar 2021:  Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima A tal-Iskeda u prodotti magħmula mill-plastik ossodegradabbli. Dawn il-prodotti jinkludu pożati, straws, platti, stikek tal-cotton buds, ħawwada tax-xorb, stikek li jitwaħħlu mal-bżieżaq u li jżommuhom, kif ukoll Kontenituri tal-ikel u tazzi tax-xorb magħmula minn polistiren espandut;

      • Mit-3 ta' Lulju 2024: Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima B tal-Iskeda li għandhom tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik. Dawn il-prodotti jinkludu kontenituri tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri. Madankollu, kontenituri bħal dawn fejn it-tappijiet u l-għotjien tal-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenitur matul l-użu tagħhom huma eżentati.

 
2. Mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni

Skont Artiklu 55 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) il-pubbliku huwa mistieden biex jagħmel is-sottomissjoniet lill-ERA bil-kummenti li jiddikjaraw kif ir-regolamenti proposti jistgħu jittejbu biex jilħqu l-għan aħħari tagħhom.



Importanti li tkun taf li s-sottomissjonijiet se jkunu ppubblikati fuq is-sit tal-internet fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika.  Il-Ministeru li qed jixpruna din l-attivita’ biss għandu jedd sħiħ fuq ikunux ippubblikati kummenti.
 
Is-sottomissjonijiet riċevuti flimkien mal-identita’ tal-kontributur, se jkunu ippubblikati fuq l-internet, ħlief jekk il-kontributur joġġezzjona li d-data personali m’għandiex tkun ippubblikata għaliex dan jista’ jagħmel ħsara lill-interess leġittimu.  F’dan il-każ is-sottomissjoni tista’ tkun ippubblikata’ taħt isem fittizju. F’każijiet oħra il-kontribuzzjoni mhux se tkun ippubblikata u lanqas fil-prinċipju il-kontenut mhux se jkun ikkunsidrat. Kull oġġezzjoni li tikkonċerna l-pubblikazzjoni tad-data personali għandha tintbgħat e-mail fuq dan l-indirizz elettorniku: onlineconsultations@gov.mt.
 
 
Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kapitolu 586)

Ir-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Kapitolu 586 jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kemm jekk miżmuma elettronikament kif ukoll jekk f'forma manwali. Il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza jiġbor biss l-informazzjoni li hija meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet maħsuba tiegħu u huwa stabbilit li jikkonforma bis-sħiħ mal-Prinċipji tal-Protezzjoni tad-Data kif stabbilit fil-Leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data. Verifika tan-numru ta' identifikazzjoni pprovdut se sseħħ kif jitqies meħtieġ. Id-data personali kollha pprovduta se tiġi pproċessata skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap. 586). 
 
 
Barra minn dan t’hawn fuq, tajjeb tkun konxju ta’:
 
·         L-iżvelar ta’ dokument bl-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496)
 
Bħala Awtorita’ Pubblika kull dokument miżmum għandna, inklużi dokumenti relatati mal-proċess ta’ din il-konsultazzjoni, jistgħu jiġu żvelati billi ssir talba għal dokumenti skont l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496), sakemm it-talba ma tkunx suġġett għal raġunijiet konklużivi biex dokumenti uffiċjali ma jkunux żvelati taħt dan l-Att.  

www.konsultazzjoni.gov.mt
 
 
Jekk tixtieq tmur fuq il-paġna ewlenija tal-Konsultazzjonijiet Pubbliċi għafas il-logo t'hawn taħt.
 
Top Section Banner.jpg