Navigate Up
Sign In

Riforma: Att dwar il-Condominia

KONSULTAZZJONI MAGĦLUQA

Go to the English version

 

Mingħand:

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
​Ippubblikata: ​4 ta' Frar 2021
​Tagħlaq: ​31 ta' Marzu 2021
​Aġġornata: ​1 ta' April 2021

Qed nanalizzaw is-sottomissjonijiet tiegħek.

Jekk jogħġbok, erġa' żur din il-paġna biex tniżżel ir-rapport finali.

Konsultazzjoni Oriġinali


1.      Sfond

L-Att dwar il-Condominia tal-1997 wera bil-provi li kien biċċa leġiżlazzjoni importanti, aktar u aktar peress li f’dawn l-aħħar 15-il sena kien hemm influss fl-iżvilupp urban madwar Malta u Għawdex. Dan jista’ jiġi enfasizzat minn dejta riċenti miġbura li tispjega li l-għadd ta’ condominia u amministraturi rreġistrati sat-3 ta’ Diċembru 2020 jammonta għal total ta’ 3,828. L-ewwel reġistrazzjoni tmur lura għal aktar minn 18-il sena ilu, fil-15 ta’ Frar 2002. (jiġifieri, rata ta’ reġistrazzjoni annwali ta’ 213).

L-Atti XVI tal-2001, IX tal-2004  u l-Avviżi Legali 181 tal-2006 u 425 tal-2007 emendaw biss il- Kapitolu 398 (l-Att dwar il-Condominia) b’mod  de minimis, mingħajr bidla sostanzjali.  Kif inhu bħalissa, l-Att tal-Condominia għad għandu lakuni li għandhom jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun, peress li ħafna Maltin u Għawdxin għandhom tendenza jgħixu f’appartamenti. Dan l-aħħar fatt huwa aktar rilevanti għal dawn l-aħħar għaxar snin, li raw bidla fl-iskyline ta’ Malta li mistennija tkompli tinbidel fil-futur prevedibbli.

Dan li ssemma hawn fuq jimxi id f’id ma’ ekonomija dejjem tikber, u l-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda li Malta sfruttat matul dawn l-aħħar snin (per eżempju, il-logħob tal-azzard remot u s-servizzi finanzjarji). Minkejja dan, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-ispazju urban huwa limitat, il-bini għoli qed  ikompli jiżdied fid-dawl ta’ dak li  jitqies bħala suq ibbażat fuq l-industrija.

Bil-promulgazzjoni tal-Att dwar il-Condominia, inħoloq ir-rwol importanti tal-amministratur tal-condominia. L-amministraturi huma marbuta bil-liġi li jirreġistraw lilhom infushom mar-Reġistru tal-Artijiet u jżommu r-Reġistratur tal-Artijiet aġġornat b’kull żvilupp fir-rigward tal-ħatra tagħhom. B’dan l-iżvilupp inħolqot niċċa ġdida fl-industrija tax-xogħol, u l-amministrazzjoni ta’ blokok ta’ appartamenti u condominia saret il-professjoni full-time għal għadd sinifikanti ta’ individwi. Dan l-iżvilupp min-naħa tiegħu ħoloq lakuni ġodda dwar x’għandu jsir biex jiġu rregolati individwi u kumpaniji speċifiċi li l-ambitu jew il-professjoni ewlenin tagħhom huma li jamministraw il-proprjetà immobbli, b’mod speċifiku l-condominia.

Il-Leġiżlazzjoni

L-appartamenti fi blokok u torrijiet ta’ spiss ikunu proprjetà ta’ individwi  differenti, filwaqt li l-partijiet komuni li jappartjenu għal dawn il-blokok (li normalment jinkludu l-bieb tad-dħul, il-lobby, it-taraġ, il- liftijiet u l-bjar) ikunu proprjetà ta’ dawk l-istess sidien ta’ unitajiet permezz ta’   sehem li ma jinqasamx (pro-rata). Dritt ta’ użu tal-partijiet  komuni msemmija huwa ta’ użanza, iżda fl-aħħar mill-aħħar dan kollu jiddependi mill-ftehim milħuq bejn l-iżviluppatur u s-sidien tal-unitajiet differenti.

Il-forum ewlieni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet huwa l-laqgħa tal-condominia. Din tirreferi għal-laqgħa tas-sidien ta’  kull unità separata fejn jiddiskutu u jesprimu l-opinjoni  tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-partijiet komuni u jiddeċiedu billi jivvutaw dwar id-deċiżjonijiet.


 
2.      Mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni
 
 
Peress li ilu fis-seħħ għal aktar minn għoxrin sena u minħabba r-rilevanza dejjem tikber tiegħu, wasal iż-żmien li jiġi rivedut l-Att dwar il-Condominia sabiex jiġi żgurat li din il-leġiżlazzjoni tirrifletti aħjar id-domandi tal-lum u tkun aktar effettiva biex tindirizza r-realtajiet tal-lum. F’dan ir-rigward, il-Gvern ta’ Malta qiegħed hawnhekk jistieden lill-pubbliku ġenerali biex jibgħat kwalunkwe suġġerimenti għal titjib jew emendi għall-imsemmi Att, sal-31 ta’ Marzu 2021 u dan qabel kull emenda formali tal-liġi li qed tiġi ppreżentata lill-Kabinett għall-approvazzjoni.



3.   Sottomissjonijiet

Ir-risposti ntbagħtu permezz ta’:

 
Posta:  Auberge D'Aragon
           Misraħ Indipendenza
           Il-Belt Valletta
           VLT 1521​

 

Is-sottomissjonijiet waslu sal-31 ta' Marzu 2021.
 
Grazzi tal-interess u tas-sottomissjonijiet tiegħek.

Importanti li tkun taf li s-sottomissjonijiet se jkunu ppubblikati fuq is-sit tal-internet fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika.  Il-Ministeru li qed jixpruna din l-attivita’ biss għandu jedd sħiħ fuq ikunux ippubblikati kummenti.

Is-sottomissjonijiet riċevuti flimkien mal-identita’ tal-kontributur, se jkunu ippubblikati fuq l-internet, ħlief jekk il-kontributur joġġezzjona li d-data personali m’għandiex tkun ippubblikata għaliex dan jista’ jagħmel ħsara lill-interess leġittimu.  F’dan il-każ is-sottomissjoni tista’ tkun ippubblikata’ taħt isem fittizju. F’każijiet oħra il-kontribuzzjoni mhux se tkun ippubblikata u lanqas fil-prinċipju il-kontenut mhux se jkun ikkunsidrat. Kull oġġezzjoni li tikkonċerna l-pubblikazzjoni tad-data personali għandha tintbgħat e-mail fuq dan l-indirizz elettorniku: onlineconsultations@gov.mt.
 
 
Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kapitolu 586)

Ir-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-
Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Kapitolu 586 jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kemm jekk miżmuma elettronikament kif ukoll jekk f'forma manwali. Il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza jiġbor biss l-informazzjoni li hija meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet maħsuba tiegħu u huwa stabbilit li jikkonforma bis-sħiħ mal-Prinċipji tal-Protezzjoni tad-Data kif stabbilit fil-Leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Data. Verifika tan-numru ta' identifikazzjoni pprovdut se sseħħ kif jitqies meħtieġ. Id-data personali kollha pprovduta se tiġi pproċessata skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap. 586).
 
 
Barra minn dan t’hawn fuq, tajjeb tkun konxju ta’:
 
·         L-iżvelar ta’ dokument bl-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496)
 
Bħala Awtorita’ Pubblika kull dokument miżmum għandna, inklużi dokumenti relatati mal-proċess ta’ din il-konsultazzjoni, jistgħu jiġu żvelati billi ssir talba għal dokumenti skont l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496), sakemm it-talba ma tkunx suġġett għal raġunijiet konklużivi biex dokumenti uffiċjali ma jkunux żvelati taħt dan l-Att.  

www.konsultazzjoni.gov.mt
 
 
Jekk tixtieq tmur fuq il-paġna ewlenija tal-Konsultazzjonijiet Pubbliċi għafas il-logo t'hawn taħt.
 
Top Section Banner.jpg