1. Sfond
Politika Agrikola komprensiva għall-Gżejjer Maltin intalbet minn diversi partijiet ikkonċernati sabiex tiġi pprovduta direzzjoni nazzjonali strateġika għal dan is-settur dinamiku.
Is-settur agrikolu fil-Gżejjer Maltin kien immodifikat b’mod sinifikanti wara l-adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-bidliet fid-diversi aspetti tiegħu għadhom għaddejjin. B’hekk, din il-politika ta’ għaxar snin hija maħsuba biex tmexxi s-settur agrikolu f’direzzjoni aktar sostenibbli billi tipprovdi l-mezzi li permezz tagħhom jista’ jiżviluppa u jiffjorixxi, filwaqt li jibqa’ fil-parametri tal-Politika Agrikola Komuni u ta’ regolamenti pertinenti oħrajn.
Il-Politika Agrikola għall-Gżejjer Maltin 2018-2028 hija maħsuba biex tipprovdi direzzjoni ċara lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li jvarjaw minn entitajiet pubbliċi involuti fiċ-ċertifikazzjoni, il-ħruġ tal-permessi u t-teħid tad-deċiżjonijiet sa entitajiet privati involuti direttament fix-xenarju agrikolu li għandhom il-ħsieb li jinvestu jew jiddiversifikaw in-negozju tagħhom. Bħala l-objettiv ewlieni għal din il-Politika Agrikola, ġiet identifikata u maqbula ‘viżjoni’ għas-settur agrikolu Malti bejn entitajiet tal-gvern, rappreżentanti tas-settur privat u l-komunità tal-biedja. Din il-viżjoni kienet tinvolvi l-iżvilupp ta’ politika bil-miri kritiċi li ġejjin:
Li tiżdied il-kompetittività tal-bdiewa attivi u ta’ dawk li jrabbu l-bhejjem billi ssir enfasi fuq il-kwalità u t-tħaddin tad-diversifikazzjoni;
Li jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ bdiewa żgħażagħ billi jinħoloq settur tan-negozju agrikolu kosteffettiv;
Li titrawwem is-sostenibbiltà tal-attivitajiet agrikoli billi dawn jiġu adattati għall-kundizzjonijiet ġeoklimatiċi lokali;
Li jiġi żgurat li l-art agrikola tiġi ġestita minn bdiewa ġenwini għal finijiet agrikoli u għal attivitajiet relatati.
2. Dokumenti
Dan id-dokument huwa traduzzjoni tal-verżjoni Ingliża, ‘National Agricultural Policy for the Maltese Islands 2018 – 2028’ żviluppata minn Atriga Consulting Services Ltd.
3. Sottomissjonijiet
Ir-risposti intbagħtu:
Bil-posta: Blokk
C, Direttorat tal-Agrikoltura
Dipartiment
tal-Iżvilupp Rurali,
National Agricultural Research
Centre,
Għammieri, Marsa, MRS
3300
Is-sottomissjonijiet waslu sal-31 ta' Marzu 2018.
Grazzi tal-interess u tas-sottomissjonijiet tiegħek.