Tnedija ta’ abbozz ta’ avviż legali ġdid għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-ġestjoni tal-ambjent f’siti ta’ kostruzzjoni
Sfond
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, permezz tal-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini, qed iniedi konsultazzjoni pubblika bl-iskop li jiżdied l-għarfien biex tingħata l-attenzjoni meħtieġa lill-ambjent ta’ madwarna fl-industrija tal-bini.
Fi snin preċedenti, l-industrija tal-bini kienet ittimbrata bħala waħda li ma tagħtix attenzjoni biżżejjed, speċjalment fuq il-lantijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, matul dawn is-sentejn u nofs, kien qed jagħmel analiżi ta’ dak li qed jiġri fil-passat, fejn kienu jirriżultaw għadd ta’ każi ta’ traskuraġni.
Il-konsultazzjoni pubblika tfasslet wara riflessjoni serja ta’ madwar 25 sena ta’ attività fl-industrija tal-bini fejn tqiesu kemm l-akbar proġetti li kellna f’pajjiżna kif ukoll oħrajn iżgħar fejn tul dan il-perjodu, dan il-qasam inbidel drastikament.
Tul dawn is-snin, il-ħaddiema tħarrġu iżjed, il-makkinarju ra tibdil kbir, it-tip ta’ materjali li qed jintużaw inbidlu, u kien hawn influss qawwi ta’ influwenzi barranin, kemm bħala riżultat ta’ teknoloġiji ġodda u eluf ta’ ħaddiema li ġew jaħdmu f’dan il-qasam.
Għal dan il-għan, l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) ħass il-ħtieġa li jwassal messaġġ komprensiv permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika dwar l-obbligi li jeżistu f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. L-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini qiegħed hemm biex jgħin u jassigura li, kull min ser ikun jimbarka fuq xogħlijiet ta’ żvilupp, jiġi ggwidat li għandu l-obbligu li jassigura li ma jħallix affarijiet jiġru li jkunu ta’ dannu għan-nies tal-madwar u għall-ambjent inġenerali.
F’dawn is-sentejn u nofs, dan l-Uffiċċju ħa l-inkarigu, flimkien ma’ dawk kollha involuti fl-industrija tal-bini, biex iħares bir-reqqa lejn il-leġislazzjoni fil-preżent, u ġie studjat kif din tista’ titjieb. Fix-xhur li ġejjin se tissaħħaħ il-leġislazzjoni prevalenti bil-pubblikazzjoni ta’Avviż Legali ġdid ibbażat fuq din il-konsultazzjoni pubblika, iżda s-sisien ta’ dan se jibqa’ fil-qofol tiegħu dak li qegħdin noperaw bih illum.
Fl-isfond ta’ dan kollu l-Gvern qiegħed iniedi din il-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jisma’ l-opinjonijiet u suġġerimenti tal-pubbliku inġenerali, għaqdiet tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tal-ħaddiema, rappreżentanti ta’ sidien ta’ negozju, partiti politiċi, istituzzjonijiet tal-Gvern u ta’ dawk kollha li b’xi mod jixtiequ li jagħtu l-kontribut tagħhom f’dan il-proċess.
Il-punti saljenti tal-Abbozz tal-Avviż Legali li qiegħed jiġi ppubblikat u li wieħed jista’ jikkonsulta fuq is-sit elettroniku www.bro.gov.mt huma:-
Li jitnaqqas l-inkonvenjent għall-ġirien
Jonqsu t-trabijiet u t-tixrid ta’ materjal ta’ kostruzzjoni
Jittejjeb l-impatt viżiv tas-siti ta’ kostruzzjoni u l-ambjent ta’ madwarhom
(Dawn ir-regolamenti japplikaw għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jinkludu wkoll twaqqiegħ u skavar.)
Miżuri biex jiġu kkontrollati l-ammont ta’ trabijiet li jinħolqu waqt twettieq ta’ xogħlijiet:
Tqattiegħ ta’ ġebel u jew bricks għandu jsir ġo spazju magħluq, per eżempju: struttura magħluqa b’materjal impermejabbli li tiġi mtella’ temporanjament fuq il-lant tax-xogħol.
Għandha tintuża għodda b’sistema li telimina t-trabijiet.
Ramel, xaħx u materjal ieħor użat għall-bini għandu jiġi trasportat, depożitat u maħżun f’kontenituri magħluqa.
Siti ta’ kostruzzjoni u l-madwar għandhom jinżammu nodfa f’kull ħin.
Invjar li jsir fuq ġewwa għandu jsir biss meta l-ftuħ kollu li jagħti għal barra jkun magħluq filwaqt li l-invjar fuq il-faċċata għandu jsir bl-użu ta’ makkinarju li jkun mgħammar b’sistemi li jeliminaw it-trabijiet maħluqa. Il-post fejn isir dan it-tip ta’ xogħol għandu jiġi mgħotti b’materjal li joħloq ilqugħ għall-ħruġ tat-trabijiet.
Kulħadd huwa obbligat li jħares madwar is-siti ta’ kostruzzjoni minn trabijiet u materjal li jista’ jaqa’ mis-sit innifsu. Importanti li wieħed jagħlaq l-aċċess għal fuq is-sit.
Dan it-tip ta’ għeluq għandu jkun magħmul minn materjal apposta għoli tal-inqas tmien filati u mgħammar b’kaskata għall-iskart u b’dawl adegwat.
Il-ħinijiet li fihom permessi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma bejn is-7 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija, minbarra l-Ħdud u l-Festi, iżda ma jistgħux isiru xogħlijiet ta’ skavar jew twaqqiegħ bejn is-2:00 p.m. u l-4:00 p.m. tul is-sena kollha.
Mhux permess lanqas li jsir xogħol ta’ skavar u ta’ twaqqiegħ f’żoni turistiċi fil-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru kif definit mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Il-konsultazzjoni pubblika għalqet nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar 2016.
Grazzi tal-interess u tas-sottomissjonijiet tiegħek.